News Blog

Dr Charles Gauci Kap Araldista ta’ Malta u President tas-Soċ. Mużikali Santa Margerita jippreżenta l-arma uffiċċjali ġdida tad-Djoċesi ta' Għawdex.

Heritage Malta ppreżentat lill-Isqof ta’ Għawdex, Anton Teuma, l-istemma araldika ġdida għad-Djoċesi ta’ Għawdex.

Il-preżentazzjoni saret fil-Kurja ta’ Għawdex mill-Kap Araldista ta’ Malta, Dott. Charles A. Gauci, li l-uffiċċju tiegħu jaqa’ taħt Heritage Malta u jirregola l-emblemi araldiċi kollha fil-Gżejjer Maltin. Preżenti kien hemm ukoll Anthony Scicluna, Chairman ta’ Heritage Malta; Noel Zammit, Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta; Russell Muscat, Manager għar- Relazzjonijiet Internazzjonali ta’ Heritage Malta; u l-istoriku Mons. Dott. Joseph Bezzina, eks Arkivista Djoċesan.

L-istemma hi komposta minn elementi varji li jissimbolizzaw lil Għawdex, bħal tliet għoljiet telgħin mill-baħar, kif ukoll xbieha ta’ ljun b’kuruna fuq rasu, wieqaf b’dirgħajh miftuħin u bis-sieq ta’ wara sserraħ fuq globu. Dan tal-aħħar hu simbolu misluf mill- istemma araldika tal-Beatu Papa Piju IX (1792-1878), il-fundatur tad-Djoċesi ta’ Għawdex u Kemmuna, imwaqqfa fis-16 ta’ Settembru 1864. Jidhru wkoll simboli oħra assoċjati mad-Djoċesi Għawdxija, jiġifieri mitra episkopali, salib proċessjonali Latin, u baklu.

Wara l-preżentazzjoni, iż-żewġ naħat iddiskutew l-opportunitajiet li hemm biex fil- ġejjieni tkompli tissaħħaħ u tkun estiża l-kollaborazzjoni f’diversi oqsma bejn Heritage Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex, speċjalment fis-setturi tal-edukazzjoni u r-riċerka.

L-armi araldiċi jistgħu jkunu sew personali u ereditarji kif ukoll impersonali u nonereditarji, bħal f’dan il-każ. Għalkemm l-istorja araldika tal-Gżejjer Maltin hija twila ħafna, kien biss fil-passat riċenti li twaqqfet awtorità ċentrali li tirregola l-għoti u r-reġistrazzjoni tal-armi araldiċi f’pajjiżna. F’Marzu tal-2019, fi ħdan Heritage Malta twaqqaf l-Uffiċċju tal-Kap Araldista ta’ Malta, fuq rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru u tas-Segretarju tal-Kabinett.

(informazzjoni minn Dr Charles Gauci, kif deheret mill-press release ta' Heritage Malta).

Live Streaming

Live Video Streaming on Facebook and YouTube

Radju Margerita

Radju Margerita

Contact Us

Our Location

Parroċċa Santa Margerita, Ta' Sannat
Pjazza Santa Margerita,
Sannat, SNT9040
Malta

0035621551435
sannatparish20@gmail.com